Friday, 7 December 2012

Cirasa 7 ta' Dicembru 2012


Ghada Niltaqghu

Ghada s-Sibt ghandi reciviment ghall-kostitwenti tat-tielet distrett. Se jsir il-Garden of Eden, iz-Zurrieq. Min jista’ jattendi niehu gost niltaqghu.

Gudja – 5/12/86

Nhar l-Erbgha 5 ta’ Dicembru Joe Muscat kien qed jwiegeb ghall-budget fil-Parlament. Kumbinazzjoni dakinnhar kien jahbat is-26 anniversarju minn meta nqatel Raymond Caruana fil-Kazin Nazzjonalista tal-Gudja.  Nhar l-Erbgha Joe Muscat kien imdawwar b’deputati Laburisti li 26 sena ilu meta nqatel Raymond kienu jew ministri. Jew inkella kellhom kariga gholja fil-Partit Laburista.

Muscat lil dawn irid jerga’ jaghmilhom ministri.

Ma kienx Injam 

Nhar l-Erbgha mort nippostja ftit zkuk ghall-fireplace. Fil-bitha ghandi shed ghall-injam.  Ma’ Rose jkolli kemm ikolli injam qatt m’ghandi bizzejjed. Meta tkun il-kesha  kemm issib tahraq.  Is-shed kien mimli. Allura tlajt fuqu biex nippostja fuq is-saqaf tieghu.

Nahseb li zzerzqu z-zkuk bija. U waqajt xi nofs sular b’tisbita. Weggajt dahri. Ma stajtx nimxi. Aktar kemm beda jghaddi hin aktar beda jaghfas l-ugigh.

Fl-ahhar ghamlu sew il-pilloli tal-ugigh.  

Maratona z-Zejtun

Ghada s-Sibt fl-10am, in-Nursery taz-Zejtun Cornthians se jorganizzaw maratonna tal-football. Se jingabru flus ghall-Istrina. Se ssir fil-ground tal-Junior Lyceum iz-Zejtun. Jien kelli nilghab ma’ shabi l-membri parlamentari. Imma wara  l-waqgha li waqajt kelli nirtira.  Inheggeg lil min jista’ biex jattendi. It-tfal zgur jiehdu gost.

Sergio

Dil-gimgha konna l-ufficcju. Kien dalam. Sergio il-Communications Officer gie biex jitlaq. Ic-cwievet ma sabhomx. Minbarra c-cwievet tal-ufficcju kellu tad-dar.  Beda jwahhal f’kulhadd. Lili beda jixlini li ccajtajtlu mac-cwievet. Mhux il-kaz. Did-darba kont innoncenti.  Imbaghad beda jwahhal f’kull min kien hemm l-ufficcju.

Hadd minna ma kien messlu c-cwievet. Meta xbajna nisimghu qrid iddecidejna li nghinuh ifittex. Beda jaccertana li kien halliehom fis-serratura tal-bieb tal-ufficcju. Fittixna kullimkien. Ghal darba tnejn. Imma dawn l-imberkin cwievet ma nsatbu imkien. Il-bieb tal-ufficcju tieghu kien maghluq. Bdejna nahsbu li kien sakkarhom fl-ufficcju. Ilmaht it-tieqa tal-ufficcju tieghu miftuha. Qbizt mit-tieqa biex nara kinux gol-ufficcju. Ma kinux.

Wara xi nofs siegha infittxu Sergio iddecieda li ahjar jinforma lil mara bit-telfa tac-cwievet. Cempel id-dar. Imbaghad bil-kalma kollha qallilna “Ic-cwievet id-dar qedghin. Insejthom warajja.”

 Mela nofs siegha jaccertana li cwievet hallihom fis-serratura tal-bieb tal-ufficcju. Nofs siegha jixlina. Nofs siegha infittxu. Biex wara kollox ic-cwievet kien hallihom warajh id-dar.

Kif tista ma tibghatux isaqqi …. l-hass tal-Marsa.

No comments:

Post a Comment