Monday, 7 May 2012

4 Snin Ħidma ma taqta’ xejn b’Risq l-Anzjani Tagħna

Matul dawn l-erba’ snin saret ħidma biex intejbu l-qagħda tal-anzjani.  Irridu li l-anzjani jibqgħu kemm jista’ jkun attivi fil-komunità. 

Minbarra li ħloqna x-xogħol għaż-żgħażagħ u għal min irid jidħol f’impjieg għall-ewwel darba, tajna d-dritt lil min jilħaq l-età tal-irtirar li jibqa’ jaħdem u jieħu l-pensjoni.  Qabel persuni li kienu jilħqu l-età tal-pensjoni kienu jitilfu l-pensjoni jekk jibqgħu jaħdmu. 

Illum iktar minn 10,000 anzjan qed jaħdmu wara li għalqu l-età tal-pensjoni mingħajr ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.  U filwaqt li aktar anzjani qed jaħdmu, kompla naqas il-qgħad. 

F’dawn l-4 snin komplejna nżidu l-pensjonijiet.  Illum il-pensjoni hi €1,000 aktar milli kienet fl-2008.  Lill-pensjonanti qed nagħtuhom żieda bħalma jieħdu l-ħaddiema.

Għall-ewwel darba f’pajjiżna ftaħna 2 night shelters: fil-Mellieħa u fiż-Żejtun u komplejna niftħu aktar ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.  Fil-fatt ftaħna 3 oħra biex illum hawn 19-il ċentru.

Eluf ta’ anzjani qed jagħmlu użu mis-servizzi fil-komunità li jgħinuhom ikunu indipendenti. Fost dawn ta’ min isemmi l-Meals on Wheels fejn qed nagħtu madwar 90,000 ikla fis-sena, is-servizz tat-Telecare li jintuża minn madwar 10,000 abbonat, il-Homehelp li minnu gawdew kważi 4,000 anzjan u anzjana u s-servizz tal-Handyman li użawh kważi 2,000 persuna. 

Qed nagħtu wkoll servizzi tas-saħħa personalizzati fid-djar tal-anzjani billi anzjani li jkollhom bżonn xi kura jingħataw servizz minn staff permezz tal-Commcare.   

Komplejna nżidu l-mediċini li jingħataw b’xejn u frixna l-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek biex illum 76,000 persuna qed jigbru l-mediċini mill-ispiżerija tal-lokalità tagħhom.

Għall-ewwel darba din is-sena qed nagħtu €300 lil 13,000 anzjan u anzjana li jgħixu fid-dar tagħhom jew mal-familji tagħhom.

F’din il-leġislatura, fuq erba’ snin, żidna 800 sodda aktar għall-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu aktar fid-dar tagħhom. 

Komplejna biddilna r-Residenza San Vinċenz de Paul li llum tilqa’ fiha 1200 resident. Għamilna l-Blokka Ġwanni Pawlu II li tilqa’ 144 anzjan u anzjana li jbatu bil-kundizzjoni tad-dimensja.

Ftaħna wkoll Nursing Home għal 96 anzjan u anzjana, f’Zammit Clapp.

Kuljum qed nonfqu €180,000 biex inżommu s-servizzi fil-komunità, id-djar tal-anzjani, ir-Residenza San Vinċenz de Paul, l-Isptar tar-Rijabilitazzjoni Karin Grech, u s-Swali tal-Ġerjatrija San Ġorġ Preca u Santa Bernardetta fejn matul din il-leġislatura nfetħu żewġ swali mill-isbaħ għall-anzjani tagħna.

Iktar minn 100,000 anzjan jużaw il-Karta Anzjan li tagħtihom diversi beneffiċji fosthom qsim lejn Għawdex b’xejn u roħs qawwi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. 

L-għan tagħna hu biex l-anzjani u l-familji tagħhom ikollhom moħħhom mistrieħ. 

No comments:

Post a Comment