L-Università tat-Tielet Età laqgħet fi ħdanha mijiet ta’ anzjani tul is-snin li ilha mwaqqfa. L-għan ewlieni baqa’ li joffri fonti ta’ għerf għal dawk l-anzjani li xtaqu u jixtiequ jbillu subgħajhom f’dinja sabiħa u hekk vasta tat-tagħlim.
Huwa sabiħ tinnota li l-Università tat-Tielet Età diġà faddlet wara daharha dsatax-il sena ta’ tagħlim kontinwu.
L-Università tat l-opportunità lil dawk li jridu jitgħallmu biex jiksbu l-għerf mingħajr ċertu rbit. Mhux għax mhux sabiħ li jkollok iċ-ċertifikati, imma din l-esperjenza fetħet il-bibien għal kulħadd mingħajr ma talbet kwalifiċi. L-unika kwalifika li talbet hija purament il-gost li timla imnifsejk bit-tagħlim.
Din l-esperjenza teżisti għal dawk l-anzjani li daħlu fil-fażi tal-irtirar imma qed ifittxu li jużaw l-anzjanità tagħhom mhux bħala xitwa qalila imma bħala kapitlu ġdid li għalkemm fih l-isfidi huwa wkoll imlewwen. Jien inxebbah l-anzjanità mar-rebbiegħa; staġun li jġib ħafna tama wara xitwa li taqtagħlek nifsek.
Din is-sena l-Unjoni Ewropea tefgħet sfida importanti għall-imsieħba tagħha. Qed tiddedika s-sena għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Bla dubju, din l-università hija msejsa sew fuq dawn il-prinċipji għax lill-anzjani qed tagħtihom diversi ħiliet biex jibqgħu attivi.
Malta hi xxurtjata li l-anzjani tagħha nbiddlu u qegħdin f’fażi ta’ transizzjoni mill-isbaħ. L-anzjani llum huma parti mid-dinja. Jafu x’qed jiġri fil-Palestina u fl-Iżrael u jafu x’deċiżjonijiet qed jieħdu l-mexxejja Ewropej meta jiltaqgħu fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. L-anzjani jħaddmu t-teknoloġija bla biża’ bħaż-żgħażagħ.
Dan kollu jfisser li l-anzjan sab iċ-ċavetta t-tajba: l-adattament. Mhux imma addattament ta’ bilfors għax ma kellux triq jew alternattiva oħra. Imma adattament biex jirbaħ hu. Biex permezz tal-mezzi ġodda jkollu iktar kapitli ta’ esperjenzi sbieħ wara dahru. L-anzjani tagħna għalhekk juruna ċar u tond xi tfisser tkun reżiljenti.
Jalla iktar anzjani jkollhom il-ħin li jissieħbu f’din l-esperjenza sabiħa tal-Università tat-Tielet Età. Minnha għandu ħafna xi jgawdi.
No comments:
Post a Comment