Kien hemm min fil-Partit Laburista tkaża għax iċċelebrajna l-ftuħ tat-tielet night shelter f’San Vinċenz de Paul. Il-fatti huma li l-gvern imexxi mill-Partit Nazzjonalista minn dejjem ħa ħsieb l-anzjani tagħna. Qed jirnexxielna nibqgħu sensittivi għall-ħtiġijiet li għandhom bżonn faxex differenti tas-soċjetà. Dan fi żmien meta d-dinja għaddejja minn epoka iebsa fejn it-tnalja tal-kriżi ekonomika qed tagħfas sew.
Tista’ tgħid li kullimkien fid-dinja qed jinqatgħu s-servizzi lill-anzjani. Aħna le. Aħna qed inżidu mal-bosta li diġà għandna. Prova ta’ dan hu n-night shelter li nfetaħ. Irrid nfakkar ukoll li l-aħħar budget tajna iktar flus lill-anzjani tagħna.
Gazzetti madwar id-dinja qed jixlu lill-gvernijiet rispettivi li qed jieħdu miżuri li jweġġgħu lill-anzjani. Artiklu riċenti fit-Telegraph irrapporta dak li qal il-Kap Ewropew għad-drittijiet tal-bniedem. Hu sostna li fl-Ingilterra, id-djar tal-anzjani qed ibatu minn inġustizzja. Dan għaliex biex inaqqas l-ispiża pubblika l-Gvern Ingliż qed ipoġġi d-djar tal-anzjani fi kriżi.
Skont rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, il-kriżi ekonomika fil-Portugal qed tweġġa’ lit-tfal u l-anzjani. L-istess sitwazzjoni qed jgħaddu minnha l-anzjani Griegi. L-istess qed jiġri fi Spanja. Apparti minn hekk, f’dan l-aħħar sena rajna żieda fl-età tal-irtirar fl-Awstrija, il-Greċja, l-Olanda, l-Ungerija, ir-Renju Unit u Franza.
F’Malta il-Labour ta’ Joe Muscat imaqdar dak kollu li qed naghmlu fil-qasam tal-anzjani. Imma mbaghad joffrilek baħħ f’dan il-qasam. Nisimgħu kuljum xmara ta’ kritika. Il-Labour kuljum jgħidilna li l-anzjani jinsabu fl-infern taħt Gvern Nazzjonalista. Il-verità hi li dan il-Gvern reġa’ ta dinjità lill-anzjani bid-diversi servizzi.
Il-proposti Laburisti fis-settur ma nafux x’inhuma. Joe Muscat ma joffri ebda serħan il-moħħ għall-anzjani tagħna.
Bl-investimenti li qed nagħmlu fil-qasam tal-anzjani, mhux biss qed igawdu l-anzjani tagħna imma qed noħolqu iktar xogħol għalik u għal uliedek.
Għalina l-importanti hu li inti u l-familja tiegħek timxu ’il-quddiem. Il-Labour ma jimpurtahx minnek. Jinteressah biss il-vot tiegħek.
No comments:
Post a Comment