Li tixjieħ jagħmlek iktar għaref. Jgħinnek biex tiżen aħjar. L-anzjani
tagħna llum għandhom biżżejjed esperjenza biex jagħrblu Malta taħt Gvernijiet
Laburisti u f’idejn Gvernijiet Nazzjonalisti.
Kapaċi jiġbdu konklużjoni dwar x’jaqbel u x’ma jaqbilx għall-futur ta’
Malta u ta’ uliedhom.
L-anzjani raw lil Malta tinbidel. Raw l-iżvilupp fl-oqsma tat-teknoloġija,
l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u x-xogħol. Raw l-impjiegi jsalvaw
waqt li pajjiżi oħra qed jittieklu mill-qgħad.
Dan kollu ġie bl-enerġija tal-Partit Nazzjonalista li dejjem emmen
fil-futur.
L-anzjani tagħna jafu li l-Maltin qed iħallsu anqas taxxi milli kienu
jagħmlu qabel. Jafu li uliedhom u n-neputijiet tagħhom huma l-anqas li jħallsu
taxxi fl-Unjoni Ewropea kollha. U jafu li dan kollu jfisser aktar flus
fil-but.
L-anzjani jafu li l-Gvern f’din il-leġislatura naqqas ukoll l-income tax għal diversi kategoriji ta’
nies fosthom l-ommijiet, il-ħaddiema u s-sidien ta’ negozji żgħar u medji u
l-anzjani nfushom.
L-anzjani tagħna jafu kemm uliedhom u n-neputijiet tagħhom għandhom
opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol.
L-anzjani tagħna jiftakru università taħt il-Labour b’numerus clausus u b’nofs tużżana korsijiet. Jiftakru s-sistema ta’
punti biex tidħol l-università.
Jiftakru l-istudenti tal-mediċina marbutin bil-ktajjen ta’ Kastilja wara li
l-Gvern Laburista għalqilhom l-Iskola Medika. Fis-saħħa għadna kemm qlajna
tifħir kbir mid-WHO.
Jiftakru fis-snin disgħin l-istudenti fit-toroq għax tal-Labour flok
l-istipendji riedu jdejnuhom.
L-anzjani tagħna jiftakru kif il-politika Laburista fil-qasam tax-xogħol
kienet limitata għall-korpi tax-xogħol. Jiftakru r-riperkussjonijiet tal-bulk buying. It-tixħim biex stajt tixtri
televixin. Il-kjuiet għall-prodotti bażiċi.
L-anzjani tagħna jafu kemm toroq għandhom mifruxa kemm uliedhom u
n-neputijiet tagħhom u anki huma jekk jixtiequ biex jibqgħu jaħdmu jew
jistudjaw.
Muscat bħalissa għaddej bi programm ċar fejn qed iwiegħed
kollox lil kulħadd. Anki jekk
il-wegħdiet jikkontradixxu lil xulxin.
Muscat imma mhux qed jgħid x’jiswew lilek il-wegħdiet li
qed jagħmel u kemm trid tħallas int minn butek biex tagħmel tajjeb għall-għatx
għall-poter li għandu.
Il-vera futur jista’ jagħtihulek biss il-Partit
Nazzjonalista. L-istorja u l-fatti jitkellmu weħidhom.
No comments:
Post a Comment