Aħna nibnu u huma jħottu. Din tista’ tgħid li kienet l-istorja politika ta’
dawn l-aħħar erba’ snin. Fuq naħa għandek gvern li qed jiġġieled mal-mewġiet
tar-reċessjonijiet internazzjonali. Fuq naħa oħra partit li moħħu biss biex
ifixkel.
Partit b’aġenda waħda: li jieħu l-poter illum qabel għada. Assistejna
għall-erba’ snin bl-Oppożizzjoni tfittex kif se tagħti l-gambetti.
Oppożizzjoni tal-mozzjonijiet bl-għan li jtellfu. Mozzjonijiet giljottina li minnhom il-pajjiż
ma ħa xejn. Mozzjonijiet vendikattivi u
diretti lejn il-personali.
Min-naħa l-oħra, aħna bqajna gvern iffukkat. B’idejna mxamra biex noħolqu
l-ġid. Komplejna ngħinu l-industrija biex l-impjiegi ma jintilfux. F’erba’ snin
ħloqna 20,000 impjieg.
Komplejna nġibu t-turisti. Għax bihom ngħixu lkoll. Komplejna niftħu iktar
skejjel u korsijiet. Komplejna ngħinu lis-sidien tan-negozji.
Komplejna nsaħħu s-sistema tas-saħħa. U issa bi proġett ġdid. Sptar ġdid
tar-Rijabilitazzjoni. Biex inkomplu nibnu fuq l-esperjenza ta’ Karin Grech.
L-Oppożizzjoni fil-Parlament uriet diżonesta kbira meta tkellmet fuq dan
il-post ta’ kura. Tat bis-sieq lill-professjonisti tagħna li għalihom il-marid
jiġi l-ewwel.
L-Oppożizzjoni ma ssemmiex li f’dan l-isptar Karin Grech f’erba’ snin
infaqna € 2.2 miljuni f’tibdil infrastrutturali. L-Oppożizzjoni ma qaltilniex li
fis-sena 2011 daħlu 1498 pazjent fl-Isptar Karin Grech u 1298 minnhom ġew
mill-Mater Dei.
L-Oppożizzjoni ma tgħidx li l-Medical Outpatients ta’ Karin Grech raw 2263
klijent meta fis-sena ta’ qabel raw 1306 pazjent. L-Orthotics and Prosthetics
Unit ta’ Karin Grech li tant smajna kontra tagħha raw kważi 5000 pazjent
is-sena li għaddiet. Dan minbarra servizzi oħra bħal memory clinic u d-dementia
helpline.
U issa rridu nkomplu din l-istorja ta’ suċċess. Għax għalina l-pazjent jiġi
l-ewwel tabilħaqq. Għall-Partit Nazzjonalista saħħtek hi l-ewwel. Għal Joe
Muscat il-vot jiġi l-ewwel.
No comments:
Post a Comment