Monday, 1 October 2012

Messaġġ għal Jum l-Anzjani


L-Unjoni Ewropea iddeċiedet li matul din is-sena l-pajjiżi membri jitfgħu l-enerġija tagħhom fuq l-anzjanità attiva. Din ma kinitx kumbinazzjoni jew deċiżjoni ta’ kafkaf.

F’pajjiżna u fl-Ewropa mistennija dik li nistgħu niddeskrivuha bħala splużjoni tal-popolazzjoni anzjana.

Fil-każ ta’ Malta qed ikun stmat li sas-sena 2050 in-numru ta’ persuni li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena se jiżdied għal madwar 24% tal-popolazzjoni.

Dan ifisser li sas-sena 2015 se jkollna kważi 104,000 persuna li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena, Sas-sena 2050, din il-faxxa tal-popolazzjoni se titla’ għal madwar 151,000 persuna.  

Dan kollu jfisser li se jkollna pajjiż u dinja differenti ħafna min kif nafuha llum. Ifisser sfida ġdida għal kulħadd.

Dan ifisser ukoll il-bżonn urġenti li nbiddlu l-perspettivi li nħaddnu fuq l-anzjanità. Irridu napprezzaw li  l-anzjani huma kontributuri ewlenija fis-soċjetà. Dan kollu jfisser li l-anzjan hu riżorsa b’saħħitha u importanti għas-soċjetà taghna. 

Għax it-tikmix tal-anzjani tagħna mhux xkiel għas-soċjetà. It-tikmix hu l-awtobijografija ta’ individwu. L-istorja ta’ familja. Ta’ raħal. Ta’ pajjiż. It-tikmix hu xiehda ta’  esperjenza. L-anzjanità mhix it-tmiem. L-anzjanità hi l-bidu ta’ proġett ġdid.

Il-gvern Malti għandu viżjoni ċara fejn jidħlu l-anzjani. L-anzjani ħadmu qatigħ għan-nazzjon tagħna u ħaqqhom kull rispett. Il-gvern jibqa’ jintrabat li jżid is-servizzi f’dan is-settur biex ikompli jgħolli d-dinjità tal-anzjani tagħna.

Lilhinn minn xtutna rajna diversi gvernijiet inaqqsu s-servizzi għall-anzjani. Izda f’Malta l-Gvern kompla jinvesti aktar ghall-anzjani tagħna. Minn barra firxa ta’ pensjonijiet u benefiċċji, għandna diversità ta’ servizzi għall-anzjani li dejjem qed jizdiedu. Biss, biss mill-2008 sal-lum, l-anzjani tagħna ħadu żieda fil-pensjoni taghhom ta’ kważi €20 fil-ġimgħa.

Fost is-servizzi li joffru l-gvern ta’ min isemmi 3 night shelters ġodda li huma postijiet ta’ kenn u wens għal matul il-lejl, sptar tar-rijabilitazzjoni, iċ-ċentri ta’ matul il-jum, il-meals on wheels, it-telecare, il-home help, il-handyman service, is-servizz tar-respite, l-iskema tal-inkontinenza, servizzi ta’ fiżjoterapija u occupational therapy, l-MMDNA, il-Commcare, u l-Outreach. Dan barra r-residenzi għal dawk l-anzjani li jeħtieġu kura fit-tul. Fil-fatt mill-2008 sa din is-sena żiedna n-numru ta’ postijiet għall-anzjani tagħna li jixtiequ jidħlu f’ home b’aktar minn 860.

F’dan il-jum, insellem lill-anzjani. F’isem il-poplu Malti nirringrazzjahom għal dak kollu li taw lill-pajjiż. Nieħu l-okkażjoni biex insellem ukoll lil dawk li b’tant dedikazzjoni jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna.  Illum għandna iktar minn 2800 persuna li qed jaħdmu fis-settur tal-anzjani,

Insellem lil dawk li huma impjegati fis-settur tal-anzjani. Insellem u nirringrazzja b’mod speċjali  lil dawk li fis-silenzju ta’ djarhom jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom. Dwar dawn l-eroj ma tantx nisimgħu. Uħud minnhom iwarrbu lilhom infushom, jinsew il-karriera tagħhom, biex l-anzjani qraba tagħhom ma jkun jonqoshom xejn.  Dawn in-nies ħaqqhom kull tifħir u apprezzament.

F’dan il-jum irrid insellem lill-anzjani kollha. Lil anzjani kollha irrid naċċertahom li l-pajjiż jeħtieġkom u japprezza li tagħmlu mingħajr daqq ta’ trombi fil-familji kif ukoll fil-qasam tal-impjiegi u fil-volontarjat. Dan il-poplu għandu ħafna dejn magħkom. Malta hija dak li hi illum grazzi għall-pedament li ħejjejtuna intom. F’isem il-Gvern u l-poplu Malti nirringrzzja u nsellem lill-anzjani tagħna kollha.

No comments:

Post a Comment