Friday, 19 October 2012

Cirasa 19 ta' Ottubru 2012


Maria u ċ-Ċirasa

Iltqajt ma’ Mary u Johnny Azzopardi ta’ Triq Santa Marija, iż-Żejtun. Kienu fil-bieb ma’ wliedhom. Familja tajba ħafna. U ħbieb tiegħi wkoll. Maria qaltli “Mar, il-ġimgħa l-oħra serju wisq kien l-artiklu. Ma ktibtx xi praspura.”

Maria, dil-ġimgħa se npattilek.
 
Billboards

F’billboards li għamlu l-Labour, jidher il-Prim Ministru Lawrence Gonzi b’għajnejh magħluqin. B’dan il-billboard, il-Malta Labour Party taw l-aqwa ċertifikat lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Ksibna dawn ir-riżultati kollha, u l-Prim Ministru kellu għajnejh magħluqin. Aħseb u ara la jiftaħhom, x’se nagħmlu.

David Agius

Dil-ġimgħa kellna nieħdu xi ritratti l-Partit. Apparti l-fotografu, kien hemm ukoll hairdresser. Il-hairdesser ikun hemm biex min ikollu xi troffa mhux f’postha, tkun tista’ tiġi rranġata qabel ir-ritratt. Imma l-Whip David Agius, jidher li ħataf l-okkażjoni. Mar b’xagħar twil. U l-hairdresser kellha tieħu biċċa xogħol nobis. Minflok ftit irtokki, kellha taqta’ xagħar David Agius.

U David spiċċa ddobba qatgħa xagħar b’xejn. Vera bummer.

Sieħbi

Ġie fuqi sieħbi li ta’ kull ġimgħa jaqra din il-paġna. “Għandi xi ngħidlek”, qalli b’leħen solenni. “Mela jekk jiġri xi ħaġa ħażina f’xi dipartiment tal-gvern, malajr tintalab ir-riżenja tal-Ministru. Pereżempju, meta l-Arriva bdiet ħażin, kienet intalbet ir-riżenja tal-Ministru Austin Gatt. Issa meta tagħmel xi maltempata qawwija u tagħmel ħafna ħsara, dik ngħidulha Act of God. Meta jkun hemm baħar qawwi u jegħreq xi vapur, ukoll ngħidulha Act of God. Allura meta jkun hemm Act of God, ma taħsbix li għandu jirreżenja l-Arċisqof?”

Lasco

Bħas-soltu, nhar is-sibt mort nixtri mingħand il-Lasco ż-Żejtun. Nieħu gost niltaqa’ u nitkellem man-nies. Mela wara li xtrajt, mort biex inħallas. Jien u ħiereġ mil-Lasco bdiet iddoqq l-alarm. Dak il-ħin kienet ħierġa mara oħra bit-trolley. Ħsibt li l-alarm kienet qed iddoqq minħabba fiha.

Kaxxiera tal-Lasco kienet pronta għamlet sinjal lili u lil din il-mara biex nieqfu. Talbitni nressaq it-trolley lura. Talbet lill-mara tgħaddi. L-alarm, ma daqqitx. Imbagħad talbitni biex ngħaddi jien. U l-Lasco reġa’ mtela bil-ħoss jidwi tal-alarm.

“Ieqaf hemm”, qaltli. Ksaħt.

“X’ħadt?”, qaltli b’leħen żorr.

“Xejn”, weġibtha.

“Erġa’ għaddi”, ordnatli.

Obdejt. U l-alarm reġgħet bdiet twerżaq. Kull min kien fis-supermarket beda jħares lejja b’ħarsa suspettuża. Sirt aħmar nar. Xtaqt l-art tiblagħni.

“Imma jaħasra jien ma ħadt xejn”, għidtilha nlaqlaq.

“Dak narawh aħna. Int oqgħod hemm għalissa”, reġgħet ħatfitni l-kaxxiera.

Minn taħt il-għajn nilmaħ lil Lorraine, waħda mis-sidien tal-Lasco tidħak kemm tiflaħ. Indunjat li issa anki l-kaxxiera u ħaddiema oħra tal-Lasco kienu qed jitbissmu. Kienet ċajta.

 “Mar, xi darba tmiss il-Papa”, qaltli Lorraine.

Ommi Ma kemm stħajt.

No comments:

Post a Comment