Monday, 4 February 2013

Għażla Waħda: Il-Partit Nazzjonalista

Il-poplu tagħna fi ftit ġimgħat oħra għandu għażla importanti x’jagħmel. Il-poplu se jkun mistieden biex jeżamina dawn il-ħames snin li għaddew u jekk jixtieq, ikompli jibni fuqhom. 

L-istorja riċenti uriet ċar li l-gvern imexxi mill-Partit Nazzjonalista hu l-partit tan-nies li ħadem għal kull settur tas-soċjetà.

Gvern Nazzjonalista ġġieled il-qgħad. Ħoloq 20,000 impjieg ġdid. Dan f’kuntrast ma’ Gvernijiet Laburisti tal-passat fejn il-qagħad kien parti mill-ħajja ta’ kuljum u kollox kien ridott għall-famużi korpi.   

Malta, minkejja l-maltemp ekonomiku qalil li ħakem id-dinja, hi t-tielet pajjiż tal-Unjoni Ewropea li naqqas l-iżbilanċ. Illum għandna l-ogħla ammont ta’ ħaddiema li qatt kien hawn f’pajjiżna jaħdmu – 153,000 ħaddiem. F’pajjiżna kburin ngħidu li għandna l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Il-muftieħ tal-Gvern kien l-investiment.  Investejna f’diversi atturi li xprunaw l-ekonomija tagħna. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali, il-Gvern għen b’mod dirett lill-fabbriki li kienu f’riskju li jagħlqu u salva x-xogħol. Din l-għajnuna setgħet tingħata biss għaliex il-Gvern żamm il-finanzi fis-sod. B’hekk ġew salvati 5,000 impjieg.

B’finanzi fis-sod investejna wkoll fl-infrastruttura, bnejna toroq ġodda u spazji pubbliċi ġodda għat-tfal u l-familji. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mingħajr ma poġġa l-finanzi ta’ pajjiżna f’periklu naqqas 25 taxxa, bħal income tax. L-aħħar  Gvern Laburista  daħħal 33 taxxa fi 22 xahar.  

B’finanzi fis-sod stajna nassiguraw lista twila ta’ servizzi għall-anzjani tagħna. Ħafna pajjiżi daqu l-miżuri tal-awsterità u l-anzjani ta’ bosta pajjiżi barranin kienu fost dawk li batew.  Aħna l-kuntrarju.  Għandna lista twila ta’ servizzi fil-komunità għall-anzjani tagħna. Barra li f’din il-leġislatura pprovdejna madwar elf sodda iktar għal dawk l-anzjani li għandhom bżonn kura fit-tul. Żidna l-pensjonijiet waqt li pajjiżi oħra għollew l-età tal-irtirar.

It-tmexxija ta’ pajjiż mhix logħba jew ċajta goffa kif Joe Muscat donnu jridna nemmnu. Pajjiż ma jitmexxiex bil-gimmicks li Joe Muscat tant jieħu gost iħaddem. Deċiżjoni waħda ħażina tissarraf fi staġnar ekonomiku, sensji u qgħad.

 Fl-2010 Joe Muscat, mingħajr ma ħaseb fit-tul, għamel attakk qawwi kontra l-Prim Ministru għax fi kliemu ma kienx qed jimxi fuq l-istess politika li kien miexi biha l-Gvern ta’ Ċipru.

Il-Gvern ta’ Ċipru ħarbat il-finanzi tal-pajjiż. Għal Muscat dan kien mudell li l-Gvern kellu jimita.

Joe Muscat, mill-Oppożizzjoni, għamel ġudizzju żbaljat fuq diversi temi. Jekk l-istorja se tirrepeti ruħha meta l-Labour ikun fil-gvern, il-pajjiż kollu se nidħlu fil-ħajt. Joe Muscat ma għandux il-maturità biex isir Prim Ministru u jieħu deċiżjonijiet dwar il-futur.

Għażla waħda għandna quddiema: il-Partit Nazzjonalista.   

No comments:

Post a Comment