Fl-aħħar wasalna. Din hija liġi li ilha ħafna tinħema. Jekk kien hemm liġi li dwarha saret konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa żgur li hija l-Mental Health Act. Għandi fiduċja li l-Parlament se jaqbel ma’ din il-liġi. Ta’ min ifakkar li fl-istadju tad-drafting tal-abbozz, l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mis-Sur Joe Abela. Sieħbi Joe li hu l-ewwel u qabel kollox professjonist fil-qasam tas-saħħa. Imma mhux biss, Joe hu ex-Membru Parlamentari Laburista u bniedem li għandu s-saħħa mentali għal qalbu ħafna. Tant li llum Joe hu membru maħtur mill-Gvern fuq il-Bord tal-Mount Carmel Hospital.
Kull bidu għandu tmiem. U f’xi stadju ridna nagħlqu l-konsultazzjoni u ngħaddu għad-diskussjoni u l-approvazzjoni ta’ dan l-abbozz fil-Cabinet. Filfatt il-Cabinet iddiskuta u ddeċieda fuq dan l-abbozz nhar it-Tnejn 30 ta’ April 2012. Għalkemm dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kien twil, nemmen li ma kienx żmien mitluf. Anzi kien proċess utli. Diversi suġġerimenti u punti li tqajmu waqt dan il-proċess ta’ konsultazjoni ġew inkorporati fil-liġi. Barra minn hekk, dan il-proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni għen ukoll biex il-liġi ssib aktar appoġġ u qbil fost il-firxa wiesgħa ta’ stake holders involuti f’dan is-settur. Il-liġi li qed nippreżentaw issa ġiet vetted mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika
Issa dan l-abbozz ġie tradott għall-Malti. Bħalissa qed jerġa’ jiġi iċċekjat minn naħa tal-Kummissarju. Il-pass li jmiss issa hu li liġi tibda tiġi diskussa fil-Parlament. Diġà sar l-ewwel qari tagħha fil-Parlament. Issa jmiss diskussjoni ġenerali fuq il-liġi li jsir fit-tieni qari. Wara fl-istadju tal-kumitat kull klawsola tal-liġi tiġi eżaminata bir-reqqa. Wara titressaq għat-tielet qari.
Irrid nieħu din l-okkażjoni biex minn qalbi nirringrazzja lil diversi persuni li ħadmu qatiegħ biex din il-liġi setgħet titwieled, tikber u timmatura. Dan il-proċess waSsal biex illum għandna abbozz li nemmen li hu tajjeb ħafna. Ma nistax insemmi lil kulħadd. Imma ma nistax ma nsemmix lil Dr Ray Scerri li kien il-moħħ wara d-drafting u r-re-drafting ta’ din il-liġi. Ray daħal għal din il-biċċa xogħol b’impenn, entusjażmu, u b’dedikazzjoni liema bħalha. F’din il-liġi nvesta ħafna u ħafna ħin u ħafna u ħafna enerġija. Grazzi ħafna u prosit mill-qalb Ray. Irrid nirringrazzja wkoll lil Dr John Cachia, Kummissarju tas-Saħħa Mentali li minn mindu sar kummissarju daħal sew f’din il-liġi. L-input tiegħu u tat-team tiegħu kien ferm importanti. Irrid nirringrazzja lil AG Dr Peter Grech tal-paċenzja li ħa bina. Tal-ħafna ħin li tana. Ta’ kemm-il darba ksirnielu d-devozzjoni ġejjin u sejrin għandu kull darba li nbiddlu xi ħaġa mil-liġi.
Fl-aħħar u mhux l-inqas lil Mrs Kate Gonzi li tal-inkorraġġiment tagħha u l-interess tagħha ma jaqta’ xejn f’din il-liġi. Kull meta ġejna bżonnha dejjem sibnieha minkejja l-impennji tagħha. Sinjura Gonzi grazzi mill-qalb. Irrid niżżi ħajr ukoll lil ħafna oħrajn li ħadmu minn wara l-kwinti. Xejn anqas lil ħafna li fil-proċess ta’ konsultazzjoni għamlu l-kritika u suġġerimenti tagħhom. Lil dawn kollha ngħidilhom grazzi. Grazzi mill-qalb. Prosit. Ilkoll flimkien għamilna biċċa xogħol tajba.
Irrid ngħid li sakemm din il-liġi kienet qed tinħema u tinbidel għal ma nafx kemm –il darba ma bqajniex skantati ma nagħmlu xejn. F’dawn l-aħħar erba’ snin sar investiment qawwi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità. Tant li fil-komunità biss f’dawn l-aħħar erba’ snin investejna xejn anqas minn seba’ miljun ewro. Frixna s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Tant li llum għandna 160 professjonist jaħdmu fil-komunità fil-qasam tas-saħħa mentali. Fil-fatt, illum għandna 40 lokalità f’Malta li għandhom is-servizzi tas-saħħa mentali fil-lokalità tagħhom. Mhux biss. Ftaħna ħames day centres għall-persuni bi problemi ta’saħħa mentali. Għandna wkoll sitt kliniċi fejn f’kull waħda jattendi team multi dixxiplinarju. Waqqafna ukoll il-Crisis Intervention Team li jitratta emergenzi ta’ saħħa mentali. Ftaħna tliet flatlets fejn numru ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali qegħdin ikomplu jgħixu fil-komunità.
Tul is-sena li għaddiet xejn anqas minn 14.000 ruħ użaw dawn is-servizzi tagħna fil-komunità. Hu fatt ippruvat li meta tinvesti fil-kura fil-komunità għall-problemi ta’ saħħa mentali anqas nies ikollhom bżonn jidħlu għall-kura l-Mount Carmel. U jekk ikollhom bżonn jidhlu, il-length of stay tagħhom fl-isptar tkun anqas. Dan għaliex ikunu jistgħu jiġu liċenzjati mill-isptar aktar kmieni biex ikomplu jiġu segwiti mit-teams tagħna fil-komunità.
Ta’ min ifakkar li hija d-direzzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li fil-qasam tas-saħħa mentali ninvestu kemm jista’ jkun f’servizzi fil-komunità.
Wara li nispiċċa jien, Dr Ray Xerri se jagħmel preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz. Biss jien irrid infakkar li liġi li qed nużaw illum hija waħda antika tal-1976. Il-liġi l-ġdida hija client oriented. L-enfażi qiegħed fuq il-klijent li jiġi bżonn is-servizzi tagħna. Min-naħa l-oħra l-enfażi tal-liġi l-antika hu fuq involuntary admissions. Fuq kif pazjent jista’ jiddaħħal b’mod involontarju għall-kura fl-isptar Monte Carmeli. L-enfażi fil-liġi tal-lum hu kif il-pazjent se joħroġ mill-Mount Carmel fl-iqsar żmien possibli. Fuq il-fatt kif l-kura involontarja trid tingħata fl-iqsar żmien possibbli. Għall-ewwel darba dan l-abbozz se jippermetti li l-kura involontarja tista’ tingħata wkoll fil-komunità u mhux aktar bilfors f’istituzzjoni. Dan hu ghal kollox kunċett ġdid għal Malta.
Din il-liġi titkellem ħafna fuq professional accountability. Il-liġi antika kienet tħalli l-kura f’idejn il-professjonisti. Issa d-deċiżjonijiet dwar programm ta’ kura jridu jittieħdu flimkien mal-pazjent innifsu, ma’ min qed jieħu ħsiebu u mal-professjonisti ovvjament. Il-pazjent issa se jkun involut fit-tfassil ta’ programm ta’ kura li se jirċievi. Nixtieq inżid li l-kunċett ta’ trusted person issa se jinbidel fil-liġi l-ġdida. Qabel kien awtomatikament in-next of kin. Illum it-trusted person se jkun magħżul mill-pazjent innifsu Jiġifieri jista’ jkun membru tal-familja imma jista’ jkun ħabib ukoll.
B’din il-liġi, il-Kummissarju jrid japprova wkoll kemm il-pazjent se jdum l-isptar b’mod involontarju għall-kura. Dan ifisser li din il-liġi se tassigura li diversi servizzi meħtieġa mill-klijent li qed jitpoġġa taħt programm ta’ kura jridu jingħataw fl-iqsar żmien possibli. U b’mod multi dixxiplinarju. Kull professjonist se jkun kontabbli għal għemilu.
Konklużjoni
Irrid nagħlaq billi nsostni li dan l-att li qegħdin nippreżentaw illum se jfittex li jipproteġi u jħares id-drittijiet tal-klijenti tagħna. Din hi liġi li se tifhem it-tbatija u se taħdem biex tnaqqas it-toqol tal-piż. Din hi l-liġi li se tfittex li tintegra dawn il-klijenti fil-qalba tas-socjetà. Liġi li trid tiftaħ il-bibien. Mhux tagħlaqhom. Li trid taħdem flimkien mal-kiljent u mhux għall-klijent. Li se tpoġġi l-klijent l-ewwel u qabel kollox. Fejn issa s-servizz irid ikun għall-klijent. U mhux il-klijent għas-servizz. Din il-liġi ma tharisx lejn il-marda mentali u tieqaf hemm. Imma din hi liġi li qed tifhem li wara l-marda, l-ewwel u qabel kollox, hemm bniedem. Li jrid jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjità. Tabilħaqq din hi liġi ta’ drittijiet. Liġi li se tipproteġi lill-klijent.
Ħbieb sinċerament nemmen li dan l-abbozz hu mfassal biex jagħtina liġi li se tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawn il-klijenti. Fuq kollox din hija liġi li tirrispetta, tagħder u tħenn.
Grazzi ħafna.
No comments:
Post a Comment