Sunday, 3 June 2012

It-Tielet Night Shelter: Inkomplu Nkabbru l-Investiment għall-Anzjani Tagħna

Bħalissa qed nagħlqu l-aħħar preparamenti biex kif ħabbarna, Malta jkollna t-tielet night shelter għall-anzjani tagħna. Din id-darba s-servizz se jkun qed jingħata mir-Residenza San Vinċenz de Paul, f’Ħal Luqa. Dan in-night shelter ġdid se joffri kenn għal 5 nisa u 3 irġiel

Ħdimna bilgħaqal u minn maħżen bdilna l-post f’night shelter modern u mgħammar bil- kumditajiet kollha li nsibu fid-djar tagħna. Għax hekk jixraq lill-anzjani tagħna.  Rispett, dinjità u kumdità.

In-night shelters joffru kenn u wens għal matul il-lejl għall-anzjani tagħna speċjalment għal dawk jibżgħu jew jiddejqu joqogħdu weħidhom matul il-lejl.

In-night shelters kienu esperjenza ġdida għal Malta u bla dubju ħallew effett pożittiv. Matul din il-leġislatura rajna s-suċċess tan-night shelters taż-Żejtun u l-Mellieħa. In-night shelter taż-Żejtun jinsab fl-Istitut Ġesù Nazzarenu u dak tal-Mellieħa li jinsab fid-Dar tal-Madonna tal-Mellieħa.  

Il-ftuħ tat-tielet night shelter jikkontradixxi d-diskorsi li smajna mill-Oppożizzjoni li l-Gvern se jnaqqas is-servizzi fejn jidħlu l-anzjani tagħna. L-anzjani jafu fejn qegħdin ma’ Gvernijiet Nazzjonalisti. L-anzjani huma saff importanti fil-politika Nazzjonalista.

L-anzjani li se jużaw in-night shelter ta’ San Vinċenz de Paul, bħal fil-każijiet l-oħra, se jkollhom kamra tas-sodda għalihom, kamra tal-banju, kċina, living room, kif ukoll terrazzin.

In-night shelter jinsab biswit il-Blokka Ġwanni Pawlu II; proġett ieħor importanti li sar f’din il-leġislatura u li fetaħ paġna ġdida fl-istorja tal-kura tal-anzjani f’Malta li jbatu mid-dimensja.

Minbarra l-faċilità li jorqod hemm, kull anzjan li juża dan in-night shelter għandu wkoll is-servizz li jieħu l-breakfast hemm u filgħaxija, l-anzjani jistgħu jinġabru u joqogħdu jitkellmu ftit bejniethom jew jaraw it-televixin flimkien. In-night shlters joħolqu komunità li tgħix flimkien u tagħti każ xulxin.

Għal dawk li forsi jaqtgħu qalbhom minħabba t-trasport, tajjeb inżidu li l-karozza  tal-Arriva Malta numru 135 tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul u tasal eżatt ħdejn in-night shelter.  Il-karozzi numru 71 u 72 jieqfu eżatt barra r-Residenza San Vinċenz de Paul. 

Biex inkomplu nsaħħu s-sigurtà u l-wens, f’kull ħin ta’ matul il-lejl fin-night shelter ikun hemm membru tal-istaff. Kull sodda fiha nurse call button. Matul il-lejl, f’każ li jinqala’ xi ħaġa fir-Residenza San Vinċenz de Paul, ikun hemm it-tobba u n-nurses li bla dubju jkunu jistgħu joffru l-ewwel għajnuna jekk jinqala’ l-bżonn.    

Inħoss li dawk l-anzjani li huma interessanti għandhom jaħtfu din l-opportunità. In-night shelters huma mod u mezz kif l-anzjani tagħna jibqgħu attivi fil-komunità mingħajr ma jkollhom bżonn li jinġabru f’istituzzjoni li toffri kura fit-tul.  Nistedinkom titkellmu ma’ min diġà qed juża dan is-servizz biex taraw il-vantaġġi u fuq kollox l-esperjenza li joffru n-night shelters.

Irrid nrodd ħajr b’mod speċjali lill-ħaddiema tar-Residenza San Vinċenz de Paul li tista’ tgħid għamlu x-xogħlijiet il-kbar u ewlenin huma fuq dan il-proġett. Inħossni kburi bix-xogħol li għamlu. Grazzi wkoll lid-direzzjoni tar-Residenza għall-ħin li nvestiet f’dan il-proġett. 

No comments:

Post a Comment