Friday, 20 July 2012

Diskors Ftuħ Night Shelter Residenza San Vinċenz de Paul

Il-lejla hawn post li baqa’ vojt. Mistiedna li ma tfaċċatx. Persuna li f’kull inizjattiva ġdida li ħadna f’din ir-residenza  dejjem kienet magħna. Tagħti daqqa t’id. Theġġeġ. Tinkoraġġixxi.  Imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra għaliha. Tul il-ħajja qasira tagħha din il-persuna marret mill-anqas darbtejn għal xhur sħaħ il-missjoni. Fosthom tlett xhur il-Brażil. Ftit jiem ilu propju nhar l-Erbgħa 11 ta’ Lulju l-Mulej sejħilha ħesrem għal aħħar u l-itwal Missjoni tagħha. Insellem lill-kollega u ħabiba tal-qalb tagħna - M’Anne Bugeja, Practise Development Nurse, li ħallietna ħesrem fl-età ta’ 37 sena. M’Anne kemm hu diffiċli naċċetaw li m’għadekx magħna. Li mhux se narawk aktar f’din ir-residenza. Li kienet qisha t-tieni dar tiegħek. F’ismi u f’isem sħabek nirringrazzjawk għal ħafna li tajt f’dan il-post. Żgur li ma nistgħu ninsewk qatt. Għax mingħajrek, M’Anne San Vinċenz mhux se jkun l-istess.
Intant l-okkażjoni tal-lum kif tafu hija l-ftuħ ta’ dan in-night shelter f’San Vinċenz. Il-poeta u politiku Anton Buttigieg kien ippubblika poeżija kurjuża. Imma kommoventi fl-istess ħin.  Il-poeżija jisimha Meta n-Nannu mar tax-Xjuħ.  

Hija l-istorja ta’ nannu li kellu jitlaq minn daru stess li bena bl-għaraq ta’ xbinu. Li fiha kienet tgħix ukoll bintu mal-familja tagħha. In-nannu jagħżel l-eżilju volontarju u jidħol hawn dak iż-żmien magħruf bħala “tax-xjuħ”. Jew l-Ingieret.
Fatt interessanti hu li l-poeta bħal donnu ried jippreżenta stampa reali tas-sitwazzjoni li kien hawn f’tax-xjuħ dak iż-żmien.  Jikteb li l-ambjent fejn mar in-nannu ma kienx ideali. Tant li l-poeta jgħid ċar u tond “li tiġi tgħix tax-xjuħ kien ifisser fil-bard u l-kesħa ta’ sala kbira, qalb l-irwejjaħ.”
Meta taqra din il-poeżija  ma tistax ma’ tikkonkludix kemm inbidlu ż-żminijiet.  X’qabża kbira għamilna fejn jidħlu l-anzjani tagħna. X’rivoluzzjoni siekta wettaqna biex l-anzjani llum jistgħu jsarrfu x-xjuħija tagħhom f’esperjenza dinjituża. U mhux aktar abbandunati “fi swali kbar qalb l-irwejjaħ, il-bard u l-kesħa.” Illum l-Ingieret li sibna spiċċa.  Illum nitkellmu fuq San Vinċenz de Paul. Dawk is-swali kbar inbiddlu fi swali iżgħar. Moderni. Atrezzati bil-kumditajiet kollha. Ilkoll mgħammra bil-bżonnijiet  meħtieġa. B’arja kkundizzjonata.  B’nurses, tobba u professjonisti oħrajn li jagħtu l-aħjar kura possibbli.  Biżżejjed insemmi l-blokka ta’ faċċata.  Jiġifieri l-Kumpless Ġwanni Pawlu II. Investiment ta’ 9 miljun Ewro u li ftaħna sentejn ilu. Swali li joffru kura speċjalizzata għall-persuni bid-dimensja. 

Ta’ min isemmi b’sodisfazzjon li r-rata tal-imwiet f’San Vinċenz f’dan l-aħħar għaxar snin naqset b’6%. Punt ieħor interessanti hu li bħalissa għandna 5 persuni f’SVPR li għalqu l-mitt sena.

Il-politika tagħna bħala Gvern kienet u tibqa’ li ninvestu l-flus u l-enerġija tagħna biex ix-xjuħija insarrfuha f’esperjenza pożittiva.  Ovvjament sa  fejn hu possibli l-anzjani għandhom jibqgħu jgħixu fil-komunità. Fil-post fejn trabbew. U rabbew. Tant hu hekk li anki f’din il-legislatura s-servizzi fil-komunità komplejna żidniehom.  Biżżejjed insemmi li llum għandna eluf ta’ anzjani li jużaw it-Telecare. F’sena qed inqassmu madwar  90,000 ikla permezz tal-Meals on Wheels. Xejn anqas minn 4,000 anzajn u anzjana qed jużaw il-Homehelp. L-Outreach Elderly Community Team li hu servizz multi dixxiplinarju ġdid fil-komunità għamel 3000 siegħa ta’ kura fid-djar tal-anzjani tul is-sena l-oħra.

Kif għidt diġà l-ideali hu li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. Imma ovvjament jasal mument fejn l-anzjani jkollhom bżonn jidħlu f’xi residenza għall-kura fit-tul. Għalhekk komplejna nżidu n-numru ta’ sodod għall-anzjani. F’din il-legislatura biss żidna s-sodod għall-anzjani b’numru rekord: b’aktar minn 860 sodda ġdida.

Fi statistika li ħarġet riċenti rriżulta li n-nisa Maltin huma t-tielet l-aktar li jgħixu fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-irġiel huma t-tieni l-aktar li jgħixu. Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni. Imma jfisser li bħala pajjiż għandna livell tal-għajxien tajjeb. Ifisser li għandna servizzi tas-saħħa tajbin. Fil-fatt bħala pajjiż aħna nonfqu miljun ewro kuljum fuq is-servizzi tas-saħħa.

Dan kollu jfisser li ta’ kuljum aħna qed nagħmlu għażla politika. Dik li nibqgħu ninvestu f’servizzi għall-anzjani tagħna. Għażla li tiswa ħafna u ħafna flus. Imma hija għażla konxja li nagħmluha b’konvinzjoni għax irridu li l-anzjani tagħna jsibu s-servizzi u l-kura li tixirqilhom u li għandhom bżonn. Għax nemmnu bis-serjetà li l-anzjani tagħna ħaqqhom l-aħjar. 
Il-kunċett tan-Night Shelters huwa servizz pjuttost ġdid għal Malta. Filfatt, dan tal-lejla se jkun it-tielet night shelter. Iż-żewġ night shelters l-oħra nfetħu fiż-Żejtun u l-Mellieħa In-night shelter hu opportunità għal dawk l-anzjani li jiddejqu jorqdu weħidhom matul il-lejl. Kull anzjan li juża dan il-post se jkollu kamra għalih, kamra tal-banju, kċina, living room u f’dan il-każ terrazzin. Filgħodu l-anzjani jieħdu wkoll kolazzjon hawn.  Kull sodda fiha nurse call button. Barra minn hekk matul il-lejl se jkun hawn membru tal-istaff assenjat f’dan in-Night Shelter. 
Sa ftit snin ilu fil-vokabularju Malti bil-kelma shelter konna nifhmu  ħofra kbira fil-blat li kienet tintuża fil-gwerra biex  jiskapulaw il-bombi tal-għadu.  Illum bil-kelma Night shelter qed nifhmu post ta’ kenn u wens għal dawk l-anzjani li ma jridux jorqdu waħedhom.
Irrid ngħid li dan il-post fejn illum għandna dan in-night shelter sa ftit xhur ilu kien jintuża bħala maħżen għall-imbarazz.  Min hawn u ftit ieħor se jkollkom l-opportunità li tidħlu u taraw kif dan il-post inbidel mil-lejl għan-nhar. B’umiltà ngħid li dan ta’ San Vinċenz hu wieħed mill-isbaħ night shelters li għandna s’issa. 
Punt importanti li xtaqt insemmi hu li kważi x-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tagħna ta’ din ir-residenza. Kellna team ta’ nies li ħadmu qatiegħ. Kienu flessibli. Għamlu dan il-proġett tagħhom. U f’qasir żmien minn maħżen żdingat mimli imbarazz tawna night shelter mill-isbaħ. Mhux se nsemmi ismijiet għax ma nixtiqx inħalli lil ħadd barra. Imma lil kull wieħed u waħda minnkom li ħdimtu f’dan il-post ngħidilkom grazzi u prosit mill-qalb. Għamiltu biċċa xogħol tajba ħafna. U fuq kollox għamiltuha minn qalbkom.  Jien tabilħaqq kburi bikom.

Meta ġejna biex nagħmlu dan il-proġett qabbadna lill-Perit Tony Muscat. Dan il-perit jaħdem privat u mhux impjegat tal-Gvern. F’kelma waħda qabbadnieh għal din il-biċċa xogħol privatament. Fl-ewwel laqgħa li kelli miegħu l-Perit Muscat għamilili ċara. Qalli “Mario jien se nagħmel dan ix-xogħol b’kundizzjoni waħda. Li naħdem b’xejn. Ma rridx ħlas. F’din ir-residenza kien hawn oħti rikoverata u rrid ngħid li ħadu ħsiebha u tawha l-aqwa kura possibbli. Oħti filfatt mietet hawn f’San Vinċenz”. Qalli “I own this place a lot u dan in-night shelter se jagħtini opportunità li nagħti xi ħaġa żgħira lura lil dan il-post.” U l-Perit Muscat żamm kelmtu. Għamel dan ix-xogħol u għamlu b’xejn. Nistqarr miegħek Perit li vera apprezzajt dan il-ħsieb ġentili tiegħek. Anki lilek Perit grazzi. Grazzi ħafna mill-qalb.
Bħala pajjiż aħna kburin bl-anzjani tagħna. Għax ħadmu u stinkaw. Mhux biss għall-familji tagħhom imma wkoll għal pajjiżna. Għandna dejn kbir magħhom. Li nieħdu ħsieb l-anzjani u nindukraw l-anzjani tagħna huwa wieħed mill-valuri li jibqgħu jiddistingwuna bħala poplu.
Għax huma bnew artna mill-ġdid wara gwerra qalila li heżżet gziritna.  Fuq kollox l-anzjani tagħna jibqgħu l-għassiesa tal-valuri. U f’dawn iż-żminijiet meta l-kriżi tal-valuri qed issaltan glorjuża, forsi aktar minn qatt qabel jeħtieġ induru lejn l-anzjani tagħna. Għax l-anzjani tagħna jibqgħu punt importanti ta’ referenza. Fanali li jdawwlu t-triq it-tajba. U l-fanali l-istess bħall-kwiekeb ... fid-dlam tal-lejl jixegħlu.
Irrid nagħlaq b’argument interessanti li jagħmel il-filosofu u t-teologu Abraham Heschel. Heschel jargumenta li hu faċli li turi imħabba lejn it-tfal tant li anki l-agħar dittatturi li kien hawn fl-istorja ta’ spiss kienu jidhru fil-pubbliku jżegħlu bit-tfal. Imma skont Abraham Heschel il-vera eżami ta’ poplu hu kif jitratta u jindukra  lill-anzjani tiegħu.
Nemmen li bħala pajjiż dan l-eżami għaddejnieh bl-unuri.
Grazzi Ħafna.

No comments:

Post a Comment