DISKORS TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ L-ONOREVOLI MARIO GALEA WAQT L-GĦOTI TAL-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA U PREMJU TIM TAS-SENA ORGANIZZAT MILL-ISPTAR MONTE CARMELI, Ħ’ATTARD, IL-ĠIMGĦA 13 TA’ LULJU 2012.
Din il-festa tal-lum hija ċelebrazzjoni. Ċelebrazzjoni tal-ħidma li ssir fil-kwiet minnkom l-ħaddiema ta’ dan l-isptar. Kemm dawk li jaħdmu hawn f’dan l-isptar kif ukoll dawk li jaħdmu fis-servizzi fil-komunità. Ħidma li ssir minn ħaddiema u professjonisti differenti. Imma lkoll importanti. Ilkoll b’għan wieħed. Li tagħtu kura ħolistika u tagħmlu d-dfferenza fil-ħajja tal-pazjenti bi problema ta’ saħħa mentali. Ħidma li ħafna drabi ssir fis-skiet. ’Il bogħod mill-għajn tan-nies tat-triq. Mistura mill-kameras tat-television. U moħbija mill-pinna tal-ġurnalisti. Għax is-saħta tal-istigma mhix immirata biss lejn in-nies bi problemi ta’ saħħa mentali. Imma saħansitra anki lejkom il-professjonisti li taħdmu f’dan is-settur. Għax hawn min għadu jħares lejn il-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam b’ċertu dubju. Bhallikieku intom professjonisti anqas minn sħabkom li jaħdmu f’dixxiplini oħrajn. M’hemm għalfejn ngħidilkom jien li m’intomx. F’dan l-isptar u fis-servizzi li nagħtu fil-komunità, ta’ kuljum intom tmissu ħajjiet in-nies. Tagħmlu id-differenza f’mijiet ta’ familji. Li jiġu bżonn is-servizzi tagħkom. Ikollkom l-istejjer ta’ suċċess. Min jaf kemm nies ġew għandkom imfarrka. Bit-toqol tal-mard mentali. U llum fiequ. Jew jinsabu stabbli. Aħjar. U qed ikomplu jgħixu ħajjithom. Hi x’inhi l-idea immuffatta ta’ ħafna jibqa’ l-fatt l-pazjenti u l-professjonisti fl-qasam tal-psikjatrija m’humiex ulied Alla tat-tieni klassi.
Intom il-ħaddiema u l-professjonisti ta’ hawn ġew iċ-ċavetta li tiftħu l-ħitan li kapaċi jaqflek fihom il-mard mentali. Biex il-klijenti tagħkom jerġgħu jingħaqdu ma’ nieshom u ħbiebhom. Ikomplu l-mixja tagħhom fil-komunità mkebbsa mill-ġdid bl-imħabba lejn il-ħajja. Intom terġgħu tnebbħu fihom il-ħolm li għal xi żmien kien deher li sparixxa. U terġgħu tnibbtu fihom ir-rieda biex dak li nħatt jerġa’ jinbena.
Il-ħidma li qed tagħmlu intom hija kbira u speċjali. Speċjali għax kif għedt ħafna drabi tagħmluha fis-skiet. Minghajr ir-rikonoxximent xieraq. Naċċertakom li jien personalment u l-gvern napprezzaw l-enerġija tagħkom. Din tal-lum mhux okkażjoni ta’ xinxilli imma ċelebrazzjoni tal-impenn taghkom. Jum li fih nieqfu ftit u aħna b’sens ta’ dmir u bi pjaċir niġu hawn. U ngħidulkom grazzi. Grazzi ħafna mill-qalb.
L-iskop aħħari mhux min se jirbaħ il-premjiiet. Xi ħadd irrid jirbaħ. Imma fl-aħħar mill-aħħar intom ilkoll rebbieħa. Oliver Friggieri kiteb ħajku li kif tafu hija poeżija ta’ tlett linji li naħseb hu maqtugħ għalikom. Għax iqaxxar ix-xoghol li tagħmlu intom. Dan il-ħajku jgħid hekk:
Intom tħallu
Warajkom il-passi tagħkom
Fuq qalb ħaddiehor
U tabilħaqq hekk hu. X’hemm isbaħ fil-ħajja milli jkollok l-opportunità li permezz tax-xogħol tiegħek tidħol f’qalb bniedem ieħor. U tnaqqaslu d-dieqa. U l-piż tal-ħajja. Tgħinnu jkun aħjar. Mhux lilu biss imma lil ta’ madwaru wkoll. Għalhekk il-festa tal-lum. Festa tal-impenn tagħkom li tagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-klijenti tagħkom.
Sfortunatament, is-soċjetà tagħna l-istess bħall-popli oħrajn bniet diversi teoriji u ħallata ballata ta’ ideat dwar il-mard mentali. Anki llum meta qegħdin fl-era ta’ edukazzjoni u meta ninsabu invażati b’ għejun ta’ informazzjoni, l-injoranza fuq dan il-mard baqgħet b’rasha mgħollija ssaltan galor.
Ħafna jaħsbu li l-mard mentali hu esklussiv u jolqot lil ftit nies. Aktarx jemmnu li l-mard mentali jolqot lil min is-soċjetà tikklassifikah fil-qiegħ tal-piramida soċjali għax forsi ma tgħallimx l-iskola. Jew ġej minn sfond fqir.
Hija ħasra li ħafna ma jintebħux li l-istorja tal-umanità hi mżewqa b’nies li għamlu l-istorja. Nies li minkejja s-suċċess u l-fama li kisbu, kellhom ukoll problemi ta’ saħħa mentali. Insemmi biss ftit eżempji. Ix-xjentist Isaac Newton, il-kompożitur Ludwig van Beethoven, il-President Amerikan Lincoln, il-pittur immortali Van Gogh, l-ikona Florence Nightingale, Il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill, ix-xjenzat tant magħruf Charles Darwnin. Il-mużiċista Billy Joel kif ukoll l-attriċi Brooke Shields, it-tnejn li huma kienu tkellmu bil-miftuħ dwar l-esperjenza tagħhom tad-depression. Il-Pricipessa Diana kellha depression u eating disorders. L-attur magħruf Harrison Ford ukoll kien ibati minn depression. L-istess il-kantanta famuża Olivia Newton-John għaddiet minn esperjenza ta’ depression. L-awtriċi tas-sensiela popolari Harry Potter, Joanna Rowling titkellem f’intervista dwar il-fatt li kienet għaddiet minn esperjenza ta’ depression u saħansitra kienet ukoll suwiċidali.
Dawn, u tant oħrajn, ilkoll għaddew mit-tribulazzjoni u l-piż ta’ mard mentali. Għax il-mard mentali ma jħarisx lejn l-uċuħ. Inkella lejn l-istat tiegħek fis-soċjetà. Tabilħaqq fejn tidħol il-possibiltà tal-mard mentali kulħadd f’baħar wieħed qiegħed.
Kif tafu sew l-istigma dwar il-mard mentali mhix xi ħaġa ta’ Malta biss. Xi ħmistax ilu, il-BBC irrapporta bi prominenza li żewġ Membri Parlamentari Ingliżi l-Onorevoli Charles Walker u l-Onorevoli Kevan Jones ħadu deċiżjoni u tkellmu għall-ewwel darba fil-House of Commons fuq l-esperjenza personali tagħhom tal-mard mentali. Iż-żewġ membri Parlamentari stqarrew li ma kinitx deċiżjoni faċli li jitkellmu fil-pubbliku fuq il-fatt li għaddew minn esperjenza ta’ mard mentali. Dan minkejja li fl-Ingliterra mill-anqas wieħed minn kull erba’ persuni hu stmat li se jbati minn problemi ta’ saħħa mentali f’xi mument tul ħajtu.
Il-Membru Parlamentari Kevan Jones ammetta waqt id-diskors tiegħu fil-House of Commons li dan kien wieħed mill-aktar diskorsi diffiċli li qatt kellu jagħmel tul il-karriera politika tiegħu. Hu kompla li ma kienx jaf jekk din l-ammissjoni kinitx se taffettwa l-karriera politika tiegħu. Jew kif se jibdew iħarsu lejh il-kostitwenti tiegħu. Imma stqarr li ikunu xi jkunu l-konsegwenzi, jekk dan il-pass kien qed jgħin biex titnaqqas l-istigma allura kien laħaq l-għan tiegħu.
Kif tafu jien tkellimt diversi drabi fuq l-esperjenza personali tiegħi meta kont għaddejt minn esperjenza ta’ depression. Ma tkellimtx biex ikun eroj. Ghax minix. Tkellimt biex nikser is-skiet li jtarrax li għad hawn fuq il-mard mentali. Biex napprezzaw li l-mard mentali jista’ jolqot lil kulħadd. Int min int. U int x’int. Fuq kollox tkellimt biex nwassal messaġġ li ma fiha xejn x’tistħi li tgħid li għaddejt minn esperjenza ta’ problema ta’ saħħa mentali. Nistqarr li wara l-ammissjoni tiegħi bqajt skantat bl-ammont ta’ nies li ġew fuqi. U bdew ikellmuni fuq esperjenzi simili tagħhom. U jgħiduli kemm għamiltilhom kuraġġ meta ammettajt fil-pubbliku li kont għaddejt minn esperjenza ta’ depression. Mhux wieħed u tnejn qaluli “jekk ma ddejjaqtx titkellem int allura nista’ nitkellem jien ukoll fuq l-esperjenza tiegħi.” U dak hu li jagħtini ħafna sodisfazzjon. U jikkonvinċini nibqa’ nsemmi din l-esperjenza personali.
Meta tkellmu ż-żewġ Membri Parlamentari Ingliżi diversi organizazzjonijiet volontarji fl-Ingilterra, li jaħdmu kontra l-istigma sejħu d-diskorsi taż-żewġ membri parlamentari bħala milestones importanti biex titnaqqas l-istigma. Kien hemm min sejjaħ id-diskorsi taż-żewġ membri Parlamentari Ingliżi bħala “diskorsi storiċi u kuraġġużi.”
Nistidinkom biex flimkien inkomplu interrqu f’din it-triq iebsa tal-bidla. Sakemm naslu fi stat li jekk membru parlamentari jammetti li għadda minn esperjenza ta’ problemi ta’ saħħa mentali la jibqa’ jitqies pass kuraġġuż u anqas storiku. Jekk membru parlamentari jammetti li għandu d-dijabete jew kundizzjoni tal-qalb ma tkunx ammissjoni storika. Nerġa’ insaqsi - Għaliex għandha tkun differenti jekk tammetti li għandek jew kellek problema ta’ saħħa mentali?
Dan il-poplu jagħmel sew jekk jistenbaħ mir-raqda komda li jinsab fiha. Jaqbillu jfarfar l-għanqbut li trabba tul is-snin fuq is-saħħa mentali. Nerġa’ nfakkar li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li minn hawn u ftit snin oħra l-problemi tas-saħħa mentali speċjalment dawk l-aktar komuni bħad-dipressjoni u l-ansjetà se jkunu ferm aktar komuni mill-kanċer u d-dijabete. Ħadd m’għandhu dritt jiskanta. Jittimbra u jwarrab nies bi problemi ta’ saħħa mentali. Jien ma niskantax minn min ikollu bżonn kura għall-probelma tas-saħħa mentali. Jien niskanta biss b’dawk li jiskantaw. Nagħder l-injoranza tagħhom.
Għax kif kien qal ferm tajjeb l-ex president Amerikan Bill Clinton: Mental illness is nothing to be ashamed of, but it is the stigma and bias that should shame us all.”
Wieħed irid jirrikonoxxi li l-kura fis-saħħa mentali f’Malta mxiet ħafna. Minbarra dan l-isptar qegħdin dejjem ninvestu aktar fis-servizzi fil-komunità. Fil-fatt fil-kommunità biss f’dawn l-aħħar erba’ snin investejna xejn anqas minn seba’ miljun ewro. Is-sena li għaddiet xejn anqas minn 14,000 il-persuna użat is-servizzi tagħna fil-komunità.
Ta’ min ifakkar li hija d-direzzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li fil-qasam tas-saħħa mentali għandna kemm jista’ jkun ninvestu fil-komunità.
Fuq kollox issa għamilna pass ieħor importanti ħafna. Dan hu l-att il-ġdid dwar is-saħħa mentali. Liġi li se tbiddel il-kura fil-qasam tas-saħħa mentali. Kif kelli l-okkażjoni ngħid diġà din il-liġi ma tħarisx lejn il-marda mentali. U tieqaf hemm. Imma din hi liġi li qed tifhem li wara l-marda, l-ewwel u qabel kollox hemm bniedem. Li jrid jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjita.
Konklużjoni
Biex nikkonkludi ppermettuli nerġa’ nsemmi esperjenza li qaltli waħda mill-professjonisti tagħna li taħdem magħna f’dal-qasam. Ftit ilu din il-professjonista ltaqgħet miegħi u qasmet miegħi xi ħaġa li qaltilha milux waħda mill-pazjenti tagħha. Qed nerġa’ nsemmiha għax vera fiha messaġġ qawwi.
Din il-pazjenta qaltilha hekk “ħa ngħidlek ... int la jasal it-tmiem tiegħek u tidher quddiem Alla mhux se tkun waħdek. Għax int se jkollok miegħek ħafna qfief tqal. Alla se jħares lejn dawk il-qfief, jitbissimlek u jħaddnek miegħu. Għax dawk il-qfief huma mimlija bit-toqol tal-mard tagħna li int ħadt fuqek u serraħtna minnu.”
Lilkom lkoll li taħdmu f’dan il-qasam grazzi għat-tgħabbija kbira li qed iġorru fis-skiet. Sinċerament nemmen li għandkom premju jistennikom fis-sema.
No comments:
Post a Comment