Bħala gvern introduċejna dan il-kunċett totalment ġdid għal Malta fiż-Żejtun u wara frixna s-servizz għall-Mellieħa. Din id-darba bdilna maħżen fir-Residenza San Vinċenz de Paul f’akkomodazzjoni komda li se tilqa’ tmienja min-nies għal billejl.
Irrid infakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti biddlu minn qiegħ nett din ir-residenza li taħt Gvernijiet Laburisti kienet intelqet u kienet saret post mitluq u abbandunat. Xempju tal-mistħija! Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem taw l-aqwa u l-aħjar servizzi għall-anzjani tagħna. Aħna erġajna poġġejna fuq l-aġenda tagħna din ir-Residenza u maż-żmien bdilnieha għall-post li jirrispetta lill-anzjani tagħna. Ir-Residenza llum mhux biss tilqa’ l-anzjani imma tara li tindirizza l-aspett soċjali, psikoloġiku, soċjali u reliġjuż tal-klijenti tagħha. Kburin ngħidu li llum qridna mill-Malti l-kelma ingieret.
F’dak li kien l-Ingiret minbarra l-Blokka Ġwanni Pawlu 11 b’kura speċjalizzata għall-persuni bid-dimensja, għadd kbir ta’ swali gġall-anzjani, ċentru ta’ matul il-jum popolari għall-klijenti bid-dimensja li jgħixu fil-komuntajiet tagħna, u sala għar-respite beds, issa qed niftħu t-tielet post ta’ kenn u wens għall-anzjani matul il-lejl. In-night shelters joffru l-possibilità li r-resident li jkun indipndenti jgħix hemm matul il-lejl biss u matul il-jum ikompli ħajtu attiva fil-komunità. U l-anzjani llum mhumiex mitluqa. Issibhom attivi fil-ħajja soċjali, pubblika, politika u ekonomika tal-pajjiż.
Fin-night shelters jitwieldu l-ħbiberiji u r-rispett bejn il-grupp li jgħix fih u allura jiġu miġġielda s-solitudni u l-abbandun li bosta drabi l-anzjani huma vittmi naturali tagħhom.
Fuq kollox f’dawn iċ-ċentri, ir-residenti jwennsu lil xulxin u jgħixu kuntenti bħall-familja waħda. Aħna naħsbulhom għal kollox. Kamra komda u diċenti mgħammra b’nursing call button biex inserrħu l-imħuħ tar-residenti li hemm min qed jieħu ħsiebhom. In-night shelters huma fanal għall-matul il-lejl. Huma għodda li jagħmlu d-differenza. Huma esperjenza fihom infushom. Strument ħaj biex intejbu l-ħajja tal-anzjani tagħna.
Minbarra l-fatt li dawn il-postijiet ta’ wens huma opportunità oħra biex inħaddmu n-nies. Weħidha r-residenza llum tħaddem iktar minn 1000 ħaddiem fi gradi differenti.
No comments:
Post a Comment