Fi tmiem din il-ġimgħa, is-Segretarjat tiegħi nieda l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju Anzjan tas-Sena. Inizjattiva li hi għal qalbi ħafna. Hi opportunita biex flimkien, bħala pajjiż, niċċelebraw x-xjuħija attiva.
Il-premju jfittex li jippremja anzjani li jaħdmu b’risq il-komunità. Din hija ħidma li fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiż kollu jistagħna minna.
Din is-sena l-premju qed jieħu dimensjoni ikbar peress li hija ddedikata għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
Spiss ħarisna lejn x-xjuħija bħala l-agħar fażi fil-ħajja tal-bniedem. Imma kemm konna mqarqin meta emmina hekk!
Dan il-premju jwaqqa’ din l-attitudni u jippremja lill-anzjani li baqgħu attivi fil-komunitajiet tagħhom. Għax l-anzjani mhux veru jieqfu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.
L-anzjani llum huma attivi f’għadd ta’ avventuri volontarji fosthom il-baned, l-għaqdiet soċjali u reliġjużi, il-movimenti politiċi, il-kunsilli lokali, il-parroċċi u f’diversi esperjenzi oħra ta’ fejda.
Il-Premju Anzjan tas-Sena jirrikonoxxi lil dik il-persuna li tagħmel xogħol b’mod volontarju ma’ min ikun jeħtieġ, u li bil-karattru u bl-attività tagħha, hija ta’ ispirazzjoni għall-anzjani oħra.
Barra minn hekk ta’ min iżid li jingħata wkoll Premju Speċjali lil dak l-anzjan li l-Bord tal-Għażla jkun irrikonoxxa li għamel xogħol siewi u meħtieġ fid-dar ta’ residenza fejn ikun qed jgħix.
Toqgħod taħseb min jaf kemm hawn anzjani li ħaqqhom ikunu nnominati għall-premju. Inħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti sehmu għas-suċċess tal-Premju billi jinnomina anzjani li għażlu li jdawlu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Li tinnomina lil xi ħadd hi ħaġa sempliċi. Imma tista’ tagħmel id-differenza f’ħajjet ħaddieħor.
Ir-rebbieħ jingħata trofew li jinżamm għal sena u li għandu tifsira u forma partikulari ħafna. Ktieb miftuħ. Dan jissimbolizza l-istorja tal-anzjani tagħna. Ktieb qadim imma mimli bl-esperjenzi tal-ħajja. Kull paġna li tqalleb, issibha mimlija bil-ħajja; u anki jekk illum il-karti sfaru xi ftit biż-żmien, xorta waħda għadhom jiġbru fihom tagħlimiet mill-isbaħ.
Il-Premju Anzjan tas-Sena nagħmluh biex nikkonfermaw li bħala pajjiż neħtieġu lill-anzjani tagħna. Huma fanali li jixegħlu l-lejl.
No comments:
Post a Comment